peoplepill id: mark-montebello
MM
1 views today
4 views this week
Mark Montebello

Mark Montebello

The basics

Quick Facts

Gender
Male
The details (from wikipedia)

Biography

Mark Montebello (Sliema, 7 ta' Frar 1964) huwa patri Dumnikan, filosfu u awtur.

Ħajja privata

Montebello hu t-tielet wild fost erbgħa ta’ Joseph Montebello u Grace xebba Sultana, it-tnejn minn Tas-Sliema. Missieru kien Kapural mar-Royal Air Force, u ommu għalliema ta’ klassijiet primarji.

L-ewwel studji tiegħu Montebello għamilhom fl-iskola primarja ta’ San Franġisk, l-Imsida, sakemm, fl-1975, beda l-istudji sekondarji tiegħu fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir, il-belt Valletta. Fl-1980 huwa beda jagħmel is-sitt klassi fil-Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara.

Huwa issieħeb mal-Ordni Dumnikan fil-25 ta’ Ottubru tal-1980. Wara sena novizzjat f’Malta, huwa għamel il-professjoni reliġjuża fis-16 ta’ Ottubru tal-1983. Ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-14 ta’ Lulju tal-1989.

Wara l-istudju dottorali tiegħu f’Ruma, fl-1992 Montebello beda jgħix fil-kunvent tad-Dumnikani tal-Birgu, fejn għamel erbatax-il sena. Wara ntbagħat jgħix fil-kunvent tal-Pietà.

Studjuż

Montebello studja l-filosofija u t-teoloġija fil-Kulleġġ ta' Tumas ta' Akwinu, ir-Rabat, kif ukoll il-filosofija f’Tal-Virtù mal-Prof. Peter Serracino Inglott u t-teoloġija fl-Università ta’ Malta. Minn dawn l-istituzzjonijiet kiseb, rispettivament, il-Lettorat fil-Filosofija u t-Teoloġija u l-Baċellerat fit-Teoloġija. Wara kiseb il-Liċenzjat u d-Dottorat tal-Filosofija mill-Università Angelicum ta' Ruma, fl-Italja, u beda Dottorat ieħor fil-Filosofija fl-Università Complutense ta’ Madrid, fi Spanja. Huwa kiseb ukoll il-Maġisteru tax-xjenza fil-Ġustizzja Kriminali mill-Università ta' Leichester, l-Ingilterra.

Il-karriera akkademika ta' Montebello bdiet fl-1991 meta sar lekċerer tal-Filosofija antika u medjevali fl-Istitut tal-Istudji Reliġjużi fl-Università ta' Malta. Fl-istess żmien kien ukoll għalliem fl-istudji Tomistiċi flimkien ma' Peter Serracino Inglott u John Haldane. Mill-1996 sar visiting lecturer fil-filosofija Maltija.

Daritama

Flimkien ma’ oħrajn, fl-1995 Montebello waqqaf f’Bormla, il-Kottonera, l-organizzazzjoni mhux governattiva Daritama. L-istituzzjoni kienet tinkludi skola komunitarja għat-tfal tal-Kottonera, radju komunitarju (Radju Kottoner 98FM[[1]]), ħidma mal-ħabsin u l-qraba tagħhom (Mid-Dlam għad-Dawl[[2]]), u ċentru ta' appoġġ għall-vittmi tal-kriminalità (Victim Support Malta[[3]]). Montebello huwa magħruf għax-xogħol umanitarju u filantropiku li għamel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u fil-Kottonera.[4]

L-organizzazzjoni ġiet mitmuma fl-2010 biex tagħti spazju għad-diversifikazzjoni tad-diversi oqsma tagħha.

Illum, Radju Kottoner, Mid-Dlam għad-Dawl u Victim Support Malta huma entitajiet indipendenti li lkoll għadhom jaħdmu fil-qasam rispettiv tagħhom.

Filosofija

L-aktar ħidma twila u konsistenti ta’ Montebello hija fil-qasam tal-filosofija, li żviluppaha kemm għaliha weħidha u kemm f’relazzjoni mad-diversi ħidmiet li wettaq. Minbarra li, sa mill-1991 lil hawn, għalliha fl-Università ta’ Malta u f’bosta istituti oħra ta’ tagħlim avvanzat f’Malta u Għawdex, kiteb fuqha diversi kotba u artikli, kemm f’Malta kif ukoll barra.

L-interessi ewlenin ta’ Montebello fil-filosofija jinkludu l-analiżi xjentifika tal-istorja tat-tradizzjoni filosofika Maltija u s-sehem ta’ ħassieba Maltin għall-iżvilupp filosofiku, il-jeddijiet ċivili u politiċi, il-metafiżika u l-epistemoloġija.

Montebello stħarreġ wkoll fit-tul u fil-fond is-sehem filosofiku ta’ Manwel Dimech. Dwar dan, Montebello ppubblika diversi kotba u jagħti bosta lezzjonijiet u korsijiet.

Fl-2012, flimkien ma’ oħrajn huwa waqqaf il-fondazzjoni Philosophy Sharing għad-diskussjoni pubblika filosofika u għall-istudju u t-tifrix tal-filosofija fil-gżejjer Maltin.[5]

Bħala filosfu, Montebello mhuwiex ħassieb konvenzjonali.[6] Fil-politika, huwa proponent tal-pożizzjoni anarkista.[7]

Kontroversji

Sa mid-disgħinijiet ’l hawn Montebello sar personalità lokali tat-televixin u tar-radju. Fl-1992 huwa beda jitkellem fuq suġġetti kontroversjali fuq l-istazzjon tar-radju Live FM, li minħabba fihom ġie mwaqqaf mill-awtoritajiet tal-Knisja milli jkompli jxandar għal xi żmien.

Waqfa simili oħra ġiet f’Mejju tal-2005, meta ġie ordnat ma jiktibx u ma jitkellimx għal xi żmien fil-mezzi tax-xandir dwar materji relatati mal-Knisja, mal-fidi, mal-morali u mal-etika. Dan wara l-artiklu tiegħu f’Il-Ġens.

Waqfa oħra, f'Novembru tal-2009, saret minħabba artiklu fit-"Torċa" dwar id-divorzju artiklu fil-ġurnal It-TORĊA u kummenti fuq ONE TV [8], kif ukoll fuq TVM u NET TV [9].

F’Marzu 2010, Montebello issejjaħ Ruma biex jiltaqa' mas-Superjur Ġenerali tal-Ordni Dumnikan. B'konsegwenza intbagħat tliet xhur il-Messiku. Hemmhekk, Montebello ħadem mal-Arċisqof Dumnikan Mons. Raul Vera.

Awtur

Montebello huwa awtur ta’ diversi kotba ta' natura filosofika u kritika. Fost il-pubblikazzjonijiet tiegħu, hemm dawn li ġejjin:

  • 1992, Pietru Kaxaru u l-Kantilena tieghu (Ministeru tal-Edukazzjoni, Malta); it-tieni edizzjoni fl-2015 (Faraxa, Malta)[10]
  • 1993, Il-Verità Teħlisna (Grima Publications, Malta)
  • 1994, Daniel Callus: Historian & Philosopher (Malta University Press, Malta)
  • 1994, De Missione Christianorum (Minerva Press, London/New York)
  • 1994, Il-Bejjiegħ ta’ l-Inċens u ċ-Ċnieser (PEG, Malta)
  • 1995, Stedina għall-Filosofija Maltija (PEG, Malta)
  • 1995, Taqtigħ f’Salib it-Toroq (PEG, Malta)
  • 1998, A Philosophy of Madness (Mireva Publications, Malta)
  • 2000, L-Iskutella ta’ l-Abbandunati (Daritama, Malta)
  • 2001, Il-Ktieb tal-Filosofija f’Malta, 2 volumi (PIN, Malta)
  • 2003, Daphne (Daritama, Malta)
  • 2004, Dimech (PEG, Malta); it-tieni edizzjoni, vol. 1, fl-2013 (Miller, Malta)
  • 2006, Angelo Pirotta: A Maltese philosopher of the first water (Provinċja Dumnikana, Malta)
  • 2006, Jean-Joseph Lataste: Apostle of Prisons (Provinċja Dumnikan, Malta)
  • 2006, Jien, Manwel Dimech (Daritama, Malta)
  • 2006, The Right to Information of Victims of Crime in Malta (Victim Support, Malta)
  • 2007, Making Malta Saver for International Visitors (Victim Support, Malta)
  • 2008, Pietà-Gwardamanga: Il-Bahar – Il-Hniena – Is-Sliem (Parroċċa ta’ Pietà, Malta)
  • 2008, The Resettlement of Maltese Prisoners: Their hopes & dreads for the future – A scientific research (Mid-Dlam ghad-Dawl, Malta)
  • 2009, 20 Century Philosophy in Malta (Agius & Agius, Malta)
  • 2010, Il-Fidwa tal-Anarkiżmu (Malta)[11]
  • 2010, Manwel Dimech: Fi kliemi (Radju Kottoner, Malta)
  • 2011, Malta’s Philosophy & Philosophers (PIN, Malta)
  • 2011, Manwel Dimech: Ivan u Praskovja u Kitbiet Oħra (SKS, Malta)
  • 2012, Aphorisms: Wisdom of a philosopher in exile (SKS, Malta; ma’ Frans Galea)
  • 2012, Four Havens of Intimacy (Payloadz, Internet)
  • 2013, Manwel Dimech: Ilbieraħ - illum - għada (SKS, Malta)
  • 2014, The Amazing Story of Manuel Dimech (Dom, Malta)
  • 2016, Bejn ix-Xieraq u l-Għelt: L-istruttura kjażtika tal-Kantilena (Malta)[12]

Montebello jikteb artikli għal diversi ġurnali. Hu kontributur regolari f'It-Torċa sa mill-1993.

Ħoloq esterni

The contents of this page are sourced from Wikipedia article. The contents are available under the CC BY-SA 4.0 license.
Lists
Mark Montebello is in following lists
comments so far.
Comments
From our partners
Sponsored
Credits
References and sources
Mark Montebello
arrow-left arrow-right instagram whatsapp myspace quora soundcloud spotify tumblr vk website youtube pandora tunein iheart itunes