peoplepill id: eugenio-borg
EB
Malta
1 views today
3 views this week
The basics

Quick Facts

A.K.A.
Ewġenju Borg
Places
Gender
Male
Place of birth
Senglea, Malta
Age
80 years
The details (from wikipedia)

Biography

Ewġenju Borg (Isla, 24 ta' Lulju 1886 – G'Mangia,12 ta' Marzu 1967) kien l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tal-MUSEUM, u l-ewwel wieħed li fetaħ l-ewwel dar tal-Museum barra mill-Ħamrun. Kien ukoll l-ewwel wieħed fis-Soċjetà tal-Museum li ta bidu għall-konferenzi reliġjużi lil dawk li mhumiex membri fis-Soċjetà.

Bijografija

L-ewwel snin

Ta' ħames snin, il-familja tiegħu marret toqgħod il-Ħamrun. F'żgħożitu Ewġenju kien iħobb ħafna l-futbol u l-ħbieb. Kien il-kap ta' sħabu li kienu jiltaqgħu f'għalqa fejn il-knisja ta' San Gejtanu, jilgħabu, jiċċajtaw u jpejpu qishom ċumnija. Wara eżami li għadda minnu mat-tieni darba, daħal it-Tarzna bħala mudellatur, sengħa li baqa' jżommha sakemm irtira, 40 sena wara.

Dixxiplu ta' Dun Ġorġ

Meta kellu xi dsatax-il sena iltaqa' għall-ewwel darba ma' Ġorġ Preca, li dik il-ħabta kien għadu qed jistudja għal qassis. Ewġenju kien qiegħed ma' sħabu ġo għalqa fejn kienu jiltaqgħu biex jilagħbu xi logħba futboll. Ġorġ waqaf jitkellem magħhom u talabhom sigarett. Il-Kjeriku Ġorġ poġġa bilqiegħda ħdejhom fuq ġebla u qagħad ikellimhom fuq it-tbatija ta' Ġesù Kristu. L-għada reġa' mar ikellimhom u għallimhom fuq Alla u baqa' jagħmel dan għal ħafna ġranet.

Però, kif jgħid l-istess Ewġenju: ‘Darba kif konna hemm, dar fuqi u qalli: Nhar il-Ħadd, int u jien immorru passiġġata flimkien, ġib biċċa ħobż... u xi ħaġa x'tixrob. U hekk għamilt; niftakar kont ħadt miegħi il-Bibbja bl-Ingliż billi ma kienx għad hawn bil-Malti. Morna l-istazzjon... dħalna ġo għalqa, u bilqiegħda fuq blata taħt siġra kont naqra mill-Bibbja u Dun Ġorġ joqgħod ifissirli. U din mhux darba għamilnieha. Konna ndumu siegħa u nofs, sagħtejn, u ġieli anki aktar, u mbagħad konna mmorru lura d-dar, u jiena kont nerġa' mmur insib lil sħabi.

Inqas minn sentejn wara l-ewwel laqgħa ta' Ewġenju Borg mal-Kjeriku Ġorġ Preca, Ġorġ sar qassis. Ġeġè, kif kien iħobb isejjaħlu l-istess Dun Ġorġ, beża' li kien se jitlef lil dan il-ħabib kbir għax fil-fehmatiegħu, billi issa kien sar qassis, Dun Ġorġ ma kienx sejjer ipoġġi fuq ġebla qalb l-għelieqi. Iżda Dun Ġorġ, li x-xewqa kbira tiegħu kienet li jixbaħ lil Ġesù, baqa' jiltaqa' magħhom.

Mhux talli hekk, talli fis-7 ta' Marzu 1907, Ġeġè‚ u sħabu krew dar b'żewġt ikmamar fejn bdew jiltaqgħu fiha kuljum wara x-xogħol u l-Ħadd filgħodu u wara nofsinhar. Meta Dun Ġorġ talab miż-żgħażagħ li ma jridx iżjed tipjip, ma kinitx faċli u b'mod speċjali għal Ewġenju li ġieli pejjep mitt sigarett f'ġurnata. Iżda Ewġenju‚ li kien jobdi lil Dun Ġorġ b'għajnejh magħluqa, mal-kliem ta' Dun Ġorġ, qabad il-pakkett tas-sigarett u ramieh dak il-ħin stess.

Ħaddiem tat-Tarzna

It-Tarzna, Ewġenju kien irrispettat ħafna u tant kien jaqdi dmiru bir-reqqa li wħud kienu jsejħulu "il-qaddis". Fil-ħin ta' nofsinhar, Ġeġè kien jirkeb il-lanċa u jmur jiekol f'restorant, il-Belt Valletta. Meta kien jidħol hemmhekk, l-irġiel kienu jwissu 'l xulxin biex iġibu ruħhom sew quddiemu u ma jidgħux. Ewġenju kien iħobb jitrakka f'xi ħanut żgħir tal-barklori. Wara li jkellem lill-barklori u n-nies tax-xatt mimlija tpinġija ma' ġisimhom u magħrufin bħala "injoranti", kien joqgħod ifissrilhom id-duttrina Nisranija u jgħallimhom jitolbu r-ruzarju.

Bniedem bħal Ewġenju Borg ma setax ma jħallix influwenza kbira fost sħabu l-ħaddiema. L-ispirtu tiegħu baqa' jinħass fil-ħanut ("il-ħanut tal-appostli") fejn kien jaħdem fit-tarzna għal ħafna snin wara li rtira mix-xogħol. Il-ħaddiema t'hemmhekk kienu jinħassu mill-mod ta' kif kienu jġibu ruħhom li ma kinux bħall-oħrajn. Ewġenju "kien ħabib ma' kulħadd, stmat ħafna mis-superjuri tiegħu u bniedem li jħobb is-skiet. Bil-ħidma bieżla tiegħu Ewġenju wera kif bniedem jista' jitqaddes ukoll permezz tax-xogħol."

L-ewwel Superjur Ġenerali

Dun Ġorġ għażel lil Ewġenju Borg bħala l-ewwel superjur ġenerali tas-Soċjetà Mużewmina, għażla li ġiet konfermata b'elezzjoni mis-soċi fl-1926. L-editt tal-Arċisqof jgħid li Ewġenju Borg kien l-aktar membru fidil ta' Dun Ġorġ, doċli u li kien josserva r-Regola. Kien bniedem ta' talb u devot kbir tal-Ewkaristija. Minħabba f'hekk, hu kien miżmum bħala eżempju ħaj ta' kif għandu jkun membru tal-MUSEUM. Min-naħa tiegħu, Dun Ġorġ kien iqisu bħala dixxiplu fidil u, fl-assenza tiegħu, ġieli wkoll faħħar il-qdusija tiegħu.

Problemi ta' saħħa u l-mewt

Fl-1931, Ġeġè sar jaf li kien dijabetiku. Il-mewt t'ommu u missieru, li ġrat sena qabel, ħaffietlu t-triq għal din il-marda. Id-dijabete bdiet sa mill-bidu ddgħajjef lil Ewġenju minn saħħtu iżda minkejja dan hu baqa' sal-aħħar jaqdi dmiru lejn Alla, lejn il-MUSEUM u lejn ħutu l-bnedmin. Kien jipprova ma jħallix jum jgħaddi li ma jmurx jgħallem f'xi post jew ieħor. Kien konvint li bniedem bla tagħlim sod ma jistax iħobb lil Ġesù u jgħidlu "iva" b'qalbu kollha. Fl-1941 tah attakk gravi tal-marda u kulħadd ħaseb li se jmut iżda ftit wara għaddielu. Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, Ewġenjuu oħtu evakwaw flimkien ma' familja f'dar f'Ħal Balzan. Fl-1942 id-dar intlaqtet b'bomba, iġġarfet u qatlet lil oħtu Ġorġina. Ftit xhur wara mar jgħix mas-soċi interni ta' Ħaż-Żebbuġ.

Fl-1962 miet Dun Ġorġ. Ewġenju ddispjaċieh ferm u ma staħax juri minn barra l-biki tiegħu. Qabel ma miet huwa mar iżuru kemm-il darba u darba minnhom Dun Ġorġ qallu: "Ġeġè issa ħallina mill-biki" u filwaqt li resqu lejh, bierku u qallu: "Fik jiena nbierek is-Soċjetà kollha". Ewġenju Borg miet ħames snin wara, nhar it-12 ta' Marzu 1967, fl-età ta' 81 sena, f'kuritur tal-Isptar San Luqa, G'Mangia.

L-ewwel ma ndifen kien l-Addolorata iżda mbagħad il-fdalijiet tiegħu ttieħdu fil-Kappella tal-Midalja Mirakoluża fil-Blata l-Bajda.

Kawża ta' Beatifikazzjoni

Nhar it-12 ta’ Marzu 1997, l-Arċisqof ħareġ l-editt biex tinbeda l-Kawża għall-Beatifikazzjoni ta’ Ewġenju Borg.

"Id-Dinja għamilnieha tagħna"

Fis-16 ta' Marzu 2016 kien imniedi dokumentarju qasir imma ta' kwalità għolja, maħdum minn Roberto D'Amato, student tal-MCAST u membru tal-MUSEUM, fuq il-ħajja ta' Ewġenju Borg.

Ħoloq esterni

The contents of this page are sourced from Wikipedia article. The contents are available under the CC BY-SA 4.0 license.
Lists
Eugenio Borg is in following lists
comments so far.
Comments
From our partners
Sponsored
Credits
References and sources
Eugenio Borg
arrow-left arrow-right instagram whatsapp myspace quora soundcloud spotify tumblr vk website youtube pandora tunein iheart itunes