Agostino Matrenza
Quick Facts
Biography
Agostino Matrenza (twieled fl-1875 – miet fl-1925), magħruf lokalment ukoll bħala Wistin Matrenza, kien ħaddiem tas-sengħa tal-filugranu, arġentier u politiku Malti tas-sekli 19 u 20.
Sengħa
Agostino Matrenza kien ħaddiem tas-sena tajjeb tal-filugranu. Barra minn hekk kien ukoll arġentier, jiġifieri ħaddiem tas-sengħa li jaħdem l-oġġetti tal-fidda. Tant kien irnexxa bħala arġentier, li fl-1911 Matrenza ntgħażel biex jitla’ Londra, ir-Renju Unit, ħalli jkun jista’ jattendi f’wirja li kienet ġiet organizzata fl-okkażjoni tal-inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ V fejn ix-xogħol tal-artiġjanat tiegħu ġie mfaħħar mill-ġurnali Brittaniċi.
Matrenza kien ir-rappreżentant tal-Għaqda tal-Arġentiera, waħda mill-għaqdiet prekursuri tat-trade unions li bdew jiġu ffurmati iktar ’il quddiem.
Politika lokali
Huwa ħadem ukoll fil-Kumitat Ġenerali tal-Partit Laburista u fis-sottokumitati tiegħu. Matrenza kien wieħed mit-tnax-il membru tal-fergħa nru 13 tal-Unjoni tal-Ħaddiema li fil-ktieb L-Istorja tal-Partit Laburista (1931) ta’ Ġużè Bonnici jitqiesu bħala l-fundaturi tal-Partit Laburista.
Nhar il-15 ta’ Ottubru 1920, dawn it-tnax-il membru, wara li semgħu x-xnigħa li kien wasal iż-żmien li jissawwar l-ewwel Parlament Malti, iddeċidew li jagħmlu għaqda bejn il-ħaddiema kollha tal-Gżejjer Maltin biex ikunu qawwija biżżejjed ħalli jkunu jistgħu jibagħtu xi deputati fil-Parlament il-ġdid u juru x’inhuma x-xewqat u r-rieda tal-kotra Maltija.
lt-tnax il-membru ltaqgħu l-Belt Valletta u ftiehmu li kull wieħed minnhom kellu joħroġ 25 lira sterlina fix-xahar biex iwaqqfu każin pubbliku msejjaħ Camera del Lavoro li minnu ħareġ il-Partit Laburista. Apparti Agostino Matrenza, arġentier; kien hemm Anton Agius, stampatur; Guliermu Arena, ġurnalista; Ġanni Bencini, kunsillier; Robert Bencini, benestant; Carmelo Bonello, ħajjat; Gejtanu Bonello, skrivan; Mikiel Borg, negozjant; Mikielanġ Borg, editur; Anton Schembri, inċiżur; Ġjacintu Tua, prokuratur legali; u Salvu Zammit Hammet, elettriċista.
B’xorti ħażina, Agostino Matrenza nħakem minn marda li laħqet qerditu erba’ snin biss wara t-twaqqif tal-Partit Laburista.